Menu Close

KNISJA MADONNA TA’ LORETU

KNISJA MADONNA TA’ LORETU

Ħjiel ta’ storja

(minn Sr. Daniela Micallef)

Bidu ta’ proġett spiritwali.

Din il-knisja nbniet fuq art imsejħa “Ta’ Lubo Bordin” mgħotija lis-Sorijiet Orsolini mill-fundatur tagħhom, il-Qaddej ta’ Alla Mons.  Isidor Formosa (1851-1931).

Wara talba li saret lill-awtoritajiet fit-2 ta’ Frar 1910, il-permess għall-bini ħareġ f’Marzu ta’ l-istess sena. Il-Knisja nbniet taħt id-direzzjoni tal-Perit Lwiġi Borg u l-Imgħallem Ġ. Falzon. Fiha korsija u żewġ navi, kollha fuq stil sempliċi li jgħin għall-ġabra. Minbarra l-artal maġġur hemm żewġ artali fil-ġnub, waħda ddedkata lil-S. Anġela Merici, l-oħra lil-Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li lejha l-Fundatur kellhu devozzjoni kbira.

L-iskop li għaliha nbniet hu biex il-ftit bdiewa u rgħajja reżidenti f’dawk l-inħawi jsibu s-servizzi għas-sagramenti.

Plakka mal-art kif tidħol fil-Knisja

 

L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mawru Caruana nhar it-Tlieta, l-1 ta’ Mejju 1928.

Min dokumentazzjoni riċerkata nitgħallmu li l-isfidi finanzjarji kienu kbar u l-fundatur talab kemm ’il darba biex is-Sorijiet Orsolini jwasslu dan il-proġett sat-tmiem. Fi kliem Mons. Formosa stess, “O li kienet il-Madonna tillumina lil xi benefattur ikompli dik il-knisja mibdija! Kienet tkun din karità kbira mhux biss mas-sorijiet u t-tfal, imma wkoll ma’ dak il-poplu ta’ bdiewa u rgħajja bil-familji tagħhom.” Din il-ħeġġa ġejja mill-fatt li l-familji ta’ dawk in-naħat kellhom il-bogħod mill-Knisja Parrokkjali ta’ S. Ġużepp u l-kura pastorali li kienet toffri.

Eventwalment ix-xogħol tal-bini ħa fit-tul, bejn it-tberik ta’ l-ewwel ġebla u t-tmiem ta’ dan il-bini li tlesta fl-1938, hemm
ġPlakka mal-ġenb tal-Altarrajjiet ta’ sagrifiċċji, qtigħ il-qalb, sejħat għall-għajnuna u ġbir.

L-istatwa tal-Madonna ta’ Loretu li tinsab in-naħa tax-xellug tal-bieb ewlieni, nġiebet  min Mons. Formosa nnifsu wara wieħed mill-pellegrinaġġi tiegħu. Din tbierket fid-Dar ta’ Nażaret bil-Bażilka kbira ta’ Loretu nhar id-9 ta’Awissu 1910. Ċertifikat tar-Rev. Benigno Damiani jikkonferma dan il-fatt. F’din il-knisja jsiru l-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, jintrama’ l-Artal tar-Repożizzjoni, flimkien mal-Quddiesa ta’ nofs il-lejl fil-Milied.

Il-kult lejn il-Madonna taħt dan it-titlu nfirex aktar peress li, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-lokal inbena u sar belt oħra, Gwardamanġa, post abitat fejn is-Sorijiet Orsolini jagħtu kontribut kontinwu kemm fuq l-livel soċjali kif ukoll spiritwali.

B’hekk tajna ħarsa lejn l-oriġini ta’ din il-Knisja, li fiha jitfaħħar l-isem ta’ Alla, jitqassam il-Ħobż tal-Qawwija, jiġu ċċelebrati żwiġijiet u jingħata tagħlim spiritwali, kollox taħt il-mant ta’ Marija.